Id-Dwell Fi  Zmien l-Ordni F’Malta

Xi kittieba jsostnu, li l-unur minn dejjem kien meqjus  bhala barometru li jgholli jew ibaxxi l-istima u l-gieh li wiehed igawdi f’ghajnejn is-socjeta’ ta’ madwaru. Fl-imghoddi, forsi aktar minn zmienna, hafna kienu jqisu l-unur bhala xi relikwa sagra. Meta  jittabba’, il-familja kollha tbati, kienet titlef ir-rispett, l-istima u l-qima li tkun tqawdi fis-socjeta’, u ghalhekk, ma nkunx qed nesagera meta nghid, li f’kull zmien, kemm is-sinjur kif ukoll il-fqir  kienu jiddefendu unurhom b’kull mezz possibbli, basta giehhom jibqa’ intatt u safi f’ghajnejn dawk kollha li jkunu jafuhom.

Written by Joseph Serracino

 
 

 

Peress li din il-kitba titratta dwar id-dwell fi zmien l-Ordni f’Malta, u ghalhekk nimmagina li hafna jahsbu li d-dwell kien isir bejn il-kavallieri, jien ma nehodhiex bi kbira li xi Maltin li kienu midhla ta’ l-armi, l-aktar ulied in-nobbli, mhux l-ewwel darba li kienu involuti f’xi dwell ma’ xi kavallieri arroganti. Fuq kollox, wiehed ma rridx jinsa li xi whud mill-kbarat Maltin kienu kontra l-Ordni ghax bil-migja  taghhom fostna huma tilfu s-setgha li kellhom, waqt li ohrajn, ghax hekk kien jaqbilhom, inghaqdu mal-kotra tal-poplu u laqghuhom ghaliex hasbu li bil-kavallieri fostna, il-furbani ma kinux se jersqu aktar lejn xtutna.

Ghall-kavallieri, l-unur kien ghaziz aktar minn hajjithom. Minhabba l-unur, bosta minnhom waslu biex jisfidaw  lil xulxin ghad-dwell.  Il-precidenza  u l-antagonizmu fost il-lingwi kienu l-fatturi ewlenin li wasslu ghad-dwell u tixrid tad-demm fost il-kavallieri.

Nghid is-sewwa, bhal hafna kittieba ohra, l-era tal-kavallieri lili taffaxxinani hafna u l-istejjer u l-grajjiet li fihom tidhol din id-drawwa tinteressani hafna. Ftit tas-snin ilu ltqajt ma’ zewg studji serji dwar dan is-suggett miktubin minn Guze Gatt u l-imhallef Giovanni Bonello, zewg studjuzi kbar, li bil-hila taghhom, hafna mit-taghrif dwar id-dwell f’pajjizna mizmum fl-arkivji ta’ l-Ordni fil-Bibljoteka regghu tawh il-hajja mill-gdid, u b’kitbiethom sirna nafu bi grajjiet li ghal mijiet ta’ snin baqghu mistura minn kulhadd.

1

Minn diversi kitbiet jidher car li din id-drawwa kienet ilha s-snin kbar tinkwieta lill-Gran Mastri li mexxew lil din l-ghaqda kavallereska, li kellha statuti religjuzi u li l-membri taghha suppost li kienu jghixu flimkien bhall-ahwa. Fil-fatt, fiz-zmien il-Gran Mastru Fra Pietro Raimondo Zacosta (1461 - 1467) kienet saret ligi li kienet tghid, li min izomm ma’ xi hadd li jiddwella jew ixandar xi dwell li jsir, jehel xahrejn prigunerija u jitlef l-anzjanita’ fil-grad.

Sintendi din il-ligi kienet ta’ twissija serja ghal dawk kollha li b’xi mod kienu jghinu biex isir id-dwell, u ghalhekk jien nimmagina, li wara l-hrug ta’ din il-ligi hafna mid-dwellijiet bdew jsiru b’segretezza kbira. Sintendi, din hi wahda mir-ragunijiet li xi whud minn dawn il-kazi tad-dwell baqghu mistura.
Xi storici jsostnu li fl-arkivji ta’ l-Ordni jezistu diversi dokumenti li jitkellmu dwar kazi ta’ dwell bejn 1535 sal-1600 u li fihom kienu involuti l-kavallieri. Nafu wkoll li tul il-268 sena tal- hakma ta’ l-Ordni f’Malta, u anke qabel, hafna mill-Gran Mastri ppruvaw irazznuha b’ligijiet horox u sfuzaw ohrajn ezistenti.

Huma kienu konxji li din id-drawwa kienet qieghda ggarrab hafna kavallieri, kif ukoll qed timmina u ddghajjef is-setgha ta’ l-Ordni u sahansitra tkasbar il-prestigju ta’ l-Ordni f’ghajnejn il-poplu Malti. Id-dwell mhux biss kien ikkundannat mill-Ordni izda gie ikkundannat bl-iskomunika mill-Kuncilju ta’ Trentu (1545 -1563), kemm ghall-protagonisti li jiehdu sehem fid-dwell kif ukoll ghal dawk kollha li jghinu b’xi mod biex isir. Kien inhareg ukoll digriet biex dawk involuti ma jindifnux f’cimiterji nsara.

Il-Gran Mastru la Cassiere (1572- 1582) ipprova jirestringi l-vizzju tad-dwell fost il-kavallieri b’tkeccija immedjata mill-Ordni u b’ligijiet horox hafna. Dan kien jghodd ghal dawk kollha li jippartecipaw f’kwalunkwe dwell bl-armi kemm fil-belt kapitali kif ukoll barra s-swar taghha.

Peress li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San gwann kien wiehed religjuz u jaqa’ taht il-gurisdizzjoni tal-Papa, il-Gran Mastru de Verdalle (1582-1595) kien talab lill-Papa biex jiddelega r-rapprezentant tieghu f’Malta biex jahfer din l-offiza serja, peress li hafna kavallieri kienu qeghdin jaghmlu vaganza f’Ruma bi skuza li l-mahfra konfessjonali kienet riservata u setghet tinghata biss mill-Papa.

Maz-zmien, l-inkwizitur fil-kapacita’ tieghu bhala delegat tal-Papa hafer bosta offizi, izda dan wassal biex hafna mill-kavallieri bdew jahsbu li d-dwell ma baqax jitqies bhala offiza gravi, u li ghalhekk kienet facli li tinkiseb il-mahfra konfessjonali. Minhabba hekk, is-Santa Sede ordnat lill-inkwizitur biex izomm sigrieta l-fakulta’ moghtija lilu mill-Papa, u biex joqghod attent li hadd ma jiehu l-impressjoni li l-mahfra sagramentali setghet tinkiseb facilment.

Fl-1667 is-Santa Sede waqfet din il-fakulta’ lill-inkwizitur u ordnatlu biex jixli formalment quddiem it-tribunal lil dawk kollha suspettati li hadu sehem fid-dwell. Il-Gran Mastru Manoel de Vilhena (1722-1736) ukoll kompla jharrax il-penali b’sentenza tal-mewt bit-tghallieq ghall-isfidant, jekk waqt il-proceduri tal-qorti jinstab li l-vittma gie sfurzat biex jaccetta d-dwell.

Sfortunatament, kif accennajt qabel, hafna mir-ragunijiet li wasslu lil bosta kavallieri biex jisfidaw lil xulxin ghad-dwell baqghu mhux maghrufa. Din is-segretezza nisslet hafna dubji u kompliet hawdet l-imhuh ta’ bosta storici, li ghal snin twal impenjaw irwiehhom f’tiftix bla hedda fl-arkivji ta’ l-Ordni f’tentattiv wara iehor biex isiru jafu x’kienu l-mottivi ta’ diversi dwellijiet li ltaqghu maghhom fir-ricerka taghhom.

Ghedt li r-ragunijiet li wasslu ghad-dwell kienu varji, izda jekk l-unur tal-familja u dak personali kienu meqjusin bhala l-pern ta’ kull tilwima, wiehed irid jzid maghhom ukoll l-ghira, il-pika, il-loghob, ix-xalar u n-nisa kienu cirkustanzi ohra li wasslu lil bosta kavallieri jinsew il-voti taghhom u f’daghigha ta’ rabja jisfidaw lil xulxin ghad-dwell.

B’danakollu, ghalkemm realment diversi dwellijiet spiccaw b’wiehed mill-protagonisti mejjet jew ferut serjament, rari u rari tassew sar maghruf x’kien il-mottiv ghala sar id-dwell. Ovvjament il-parrini tal-protagonisti u shabhom kienu jkunu jafu bl-istorja kollha, u jien nimmagina, li bl-ispjuni li kellha l-Ordni jigru mas-saqajn, il-Gran Mastru u ta’ madwaru kienu jkunu jafu sa’ l-icken dettal.

Hemm diversi fehmiet ghala l-Ordni kienet zzomm din is-segretezza kollha dwar id-dwell fi zmienha, fosthom, li l-Ordni bhala ghaqda bi statuti religjuzi u li minn dejjem ikkundannat id-dwell, biex tibqa’ tgawdi l-prestigju taghha f’ghajnejn il-poplu Malti, kienet tipprova   tostor kemm tista’ l-bluha, is-suppervja u l-kburija ta’ xi whud mill-kavallieri taghha.

 

 

Ikompli... 


 

Ikompli....

 
1
© Kottoner 98FM, 2011. All rights reserved.
1