Kif jaf kulħadd, wara l-Karnival jiġi r-Randan - 40 jum ta' sawm, penitenza u astinenza. Wara dan iż-żmien, il-Knisja tfakkarna fil-mewt, passjoni u l-qawmien ta' Kristu, tradizzjonalment il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
Fi tfuliti r-Randan ma kienx kif inhu llum! Ħamsin sena ilu l-valuri nsara fost il-poplu tagħna kienu għadhom b'saħħithom ħafna u għalhekk il-Maltin kienu josservaw żmien ir-Randan b'kuxjenza u b'reqqa kbira. Ħelu lit-tfal ftit li xejn kien jingħata waqt li l-Erbgħat u l-Gimgħat matul ir-Randan ma kienx jittiekel laħam. Naf b'familji li anke jum is-Sibt kienu jastenu mil-laħam u l-ħlewwiet.
Bħal ħafna tfal tampari, jien kont nattendi l-funzjonijiet liturġiċi kollha matul ir-Randan, b'mod speċjali dawk li jsiru f'Ħadd il-Palm, f'Ħamis ix-Xirka u fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Niftakar li fi tfuliti, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Isla kienet toħroġ mill-knisja ta' San Filippu, iżda peress li l-bieb il-maġġur tal-knisja kien baxx, il-Vara l-Kbira u l-vari tad-Duluri u ta' Kristu fl-Ort kienu joħorġu mill-Oratorju.
/L-istatwa sabiha ta' Gesu fl-Ort ta' Bormla.JPG)
Niftakar li f'Ħamis ix-Xirka, ta' kull sena, jien u sħabi konna nżuru l-knejjes parrokkjali tal-Kottonera biex naraw is-Sepulkri, u wara, ta' tfal li konna noqogħdu nikkummentaw liema minnhom hu l-isbaħ. Is-Sepulkru jew l-artal ta' ripożizzjoni jirrappreżenta l-qabar ta' Kristu u jkun dekorat b'ħafna xemghat u fjuri bojod tar-rebbiegha. Ta' kull sena, f'Ħamis ix-Xirka, tard filgħaxija, il-każini u l-għaqdiet reliġjużi kienu jorganizzaw il-visti tas-Seba' Knejjes.
Ġemgħat ta' nies flimkien ma' xi saċerdoti kienu jiltaqgħu ħdejn xi każin jew l-Azzjoni Kattolika u b'devozzjoni kbira jimxu wara kurċifiss. Matul it-triq kienu jirreċtaw r-rużarju, imbagħad għal seba' darbiet joħorġu u jidħlu mill-ġdid fil-knisja, u kull darba jagħmlu vista quddiem Sepulkru. Illum din id-drawwa naqset ħafna u minflok il-visti qegħdin isiru laqgħat tat-talb.
Il-Ġimgħa l-Kbira
Sintendi, il-qofol tal-Ġimgħa l-Kbira hi l-purċissjoni tradizzjonali li ilha magħna mijiet ta-snin. Aktarx li din id-drawwa ġiet fostna minn Spanja! Jingħad li l-ewwel purċissjoni saret fir-Rabat fl-aħħar snin tas-seklu 16 mill-Konfraternita' ta' San Guzepp li kellha x'taqsam mal-Franġiskani Minuri tar-Rabat. Fl-1654, l-istess Franġiskani daħħluha wkoll fil-belt, u għadha sal-llum tohrog mill-Knisja ta' Ġieżu. Jingħad ukoll li l-ewwel statwi ma kinux proprjeta' tal-partijiet iżda tal-konfraternita' jew ta' familji privati.
Fis-snin ta' wara nsibu li bdew isiru purċissjonijiet l-ewwel fil-bliet tal-Kottonera mbagħad aktar tard f'diversi rħula madwar il-gżejjer Maltin. Interessanti hu l-fatt li dawn il-purċissjonijiet mhux dejjen kienu joħorġu f'jum il-Gimgha l-Kbira. Ta' Hal Qormi kienet toħroġ f'Hadd il-Palm u dik ta' l-Isla kienet toħroġ fil-lejl ta' Hamis ix-Xirka. Insibu wkoll il-purċissjonijiet tar-Rabat u ta' Bormla kienu joħorġu f'jum il-Ġimgha l-Kbira f'inżul ix-xemx. Fl-1879, fi żmien l-episkopat ta' l-Isqof Scicluna, il-purċissjonijiet kollha bdew joħorġu f'jum il-Ġimgħa Kbira.
/Il-Vara l-Kbira fil-purcissjoni tal-Gimgha Kbira.JPG)
Nafu li fil-Birgu kienu jsiru 3 purċissjonijiet. Fl-Erbgha tat-Tniebri kienet tohroġ waħda mill-Knisja tal-Karmnu u fiha kienu jieħdu sehem l-iskjavi u l-ikkundannati kollha li kienu jaqdfu fl-Iġfna ta' l-Ordni. Dawn l-imsejkna kienu jkunu marbutin bil-ktjajjen u jġorru salib. Aktarx li l-għeruq tad-drawwa ta' nies hafjin bil-ktajjen ma' saqajhom u jġorru salib fuq spallejhom ħarġet minn hawn. Il-purċissjonijiet l-oħra kienu joħorġu fHamis ix-Xirka u f'Jum il-Gimgha l-Kbira mill-Knisja ta' San Lawrenz.
Fi tfuliti, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li kienu jsiru fil-bliet tal-Kottonera kienu popolari ħafna u għalihom kienu jattendu ħafna nies. F'Ħamis ix-Xirka dawn il-knejjes kienu jkunu mimlijin bin-nies ilkoll jammiraw is-sbuħija tal-vari artistiċi li jippossjedu dawn it-tempji antiki. Barra hekk, jien niftakar ukoll fis-serjeta' kbira li kienu jsiru dawn il-purċissjonijiet, ħadd ma kien jitħalla jaqsam min-naħa għall-oħra, ma kont tara lil ħadd jiekol jew jixrob fil-pubbliku u n-nies kienu isegwu l-purċissjoni b'rispett u devozzjoni kbira.
L-Għid il-Kbir
Fi tfuliti, fl-Isla ma kinitx issir purċissjoni ta' l-Irxoxt, għalhekk missieri kien jeħodna naraw ta' Bormla (belt twelidu). Konna nistennew il-purċissjoni fil-pjazza ta' Santa Margerita biex naraw lir-reffiegħa jiġru bl-istatwa ta' Kristu Rxoxt fost l-eċċitament kbir tan-nies. Hekk kif kienu jgħaddu bl-istatwa minn quddiemna, aħna u t-tfal li kien ikollna maġenbna konna ngħollu l-figolla u nitolbuħ iberikilna. Sfortunatament, id-drawwa tal-figolla li fi tfuliti konna nsibu diversi forom bħal dik ta' raġel jew mara, ta' kelb jew qattus inkella ta' fenek jew għasfur (dejjem b' xi bajda taċ-ċikkulata fin-nofs tagħha) aktarx kienet daħlet f'pajjiżna fis-seklu 18, illum kważi spiċċat għal kollox.
It-tradizzjoni tal-ġiri bl-istatwa ta' l-Irxoxt bdiet fiż-żmien il-Gvernatur Sir Thomas Maitland li ried jistabbilixxi l-ħin tal-purċissjonijiet kemm idumu barra. Jingħad li xi reffiegħa ddeċidew li f'xi toroq matul il-purċissjoni jiġru bl-istatwa u b'hekk iżommu l-ħin stiputat mill-gvernatur.
Il-ġiri b'istatwa ta' Kristu Rxoxt iqajjem eċċitament kbir! Mal-kelma li se jieħdu ġirja, in-nies kienet tiftaħ passaġġ matul it-triq, u mas-sinjal 'tlaqna' r-reffiegħa jbaxxu l-istatwa u jieħdu ġirja ta' madwar ħamsin metru, jieqfu f'salt u fost l-għajjat u ċapċip tan-nies jgħollu l-istatwa fuq l-idejn għal tliet darbiet. Din il-ġirja kienu jirrepetuha kemm-il darba matul il-purċissjoni.
Għalina, il-festa ta' Kristu Rxoxt ma kinitx tkun kompluta jekk ma nżurux lil zijieti f'Bormla u qabel immorru lura lejn l-Isla bil-Lanċa tal-Pass ngħaddu sal-pjazza tal-Birgu u għal ftit ħin ingawdu l-briju u l-ferħ li jafu jagħmlu l-Vittorjosani fil-festa ta' l-Għid.
/L-Istatwa Mirakuluza tar-Redentur ta' l-Isla.JPG)
Għaliex l-Għid m'għandux data fissa bħal festi oħra? Fil-Konċilju ta' Niċea (325) kien ġie deċiż li l-Knisja tfakkar l-Għid fl-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar kwinta li jaħbat fl-istaġun tar-rebbiegħa, li tibda fil-21 ta' Marzu. Jekk dan il-jum jaħbat is-Sibt u jkun qamar kwinta, l-Għid isir l-għada l-Ħadd u l-Ġimgħa l-Kbira fl-20 ta' Marzu. Jekk il-qamar kwinta jaħbat fl-20 ta' Marzu, jum qabel tibda r-rebbiegħa, allura l-Għid ikollu jistenna 29 jum ieħor (jum u 28 jum kulmeta jinbidel il-qamar) għall-ewwel qamar tar-rebbiegħa. Jekk il-ġurnata tinzerta l-Ħadd, allura l-Għid isir il-Ħadd ta' wara. l-Għid jaħbat dejjem bejn 22 ta' Marzu u l-25 ta' April ta' kull sena.
/WIRJAT~1.JPG)
|