Joseph Serracino writes about Cospicua

Fil-pagni glorjuzi ta’ l-istorja ta’ pajjizna jissemmew b’gieh kbir it-tlett ibliet tal-Kottonera. Jekk l-10 ta’ Awwissu jfakkarna fil-belt Vittoriosa (Birgu) bhala gawhra storika u monumentali ta’ pajjizna u t-8 ta’ Settembru jfakkarna fil-belt Invicta (Isla) u fis-sehem taghha fiz-zewg assedji kbar li ghaddiet minnhom Malta, m’hemmx l-icken dubju li t-8 ta’ Dicembru jfakkarna fil-belt Cospicua (Bormla) u fil-grajjiet kbar u mlewna li ghaddiet minnhom matul il-medda taz-zminijiet.  U proprju lminn dawn it-tlett ibliet ahwa mkennija wara s-swar tal-Kottonera, illum ghazilt li naghti gieh lill-belt Cospicua.

Joseph Serracino

 
 
 

Mal-wasla tal-kavallieri f’Malta, il-medda art kbira li kienet mifruxa ‘l barra mill-Birgu u tastendi sa Haz-Zabbar kienet ghadha art kampanja. L-istorici jghidulna, li l-parti kbira minn din l-firxa art li hafna snin wara fuqha nbniet Bormla kienet ghadha raba’ mhux mahdum waqt li l-inhawi ta’ Santa Margerita kellhom hamrija ghammiela.

Antikament, l-ilma tal-bahar li llum jahsel l-ixtut taz-zewg penizoli ta’ l-Isla u l-Birgu li jiffurmaw id-dahla li fiz-zmien il-kavallieri kienet maghrufa Port  Ix-Xwieniu li wara, fi zmien l-Inglizi nbidlet f’Dockyard Creek, kien jibqa’ diehel ‘il gewwa mill-ghassa tal-pulizija (fil-pjazza Gavino Gulia) fejn kien jispicca f’bajja ramlija. Jinghad li f’dawn in-nahat is-sajjieda kienu jkabbru u jikkultivaw l-frott tal-bahar.

Waqt li xi studjuzi huma tal-fehma li l-isem ta’ Bormla aktarx gej mill-kelma Bir Mula li tfisser Bir il-Mulej, u li dan l-isem seta’ origina minn giebja li kienet taghti l-ilma lin-nies ta’ l-inhawi, ohrajn jahsbu li l-isem ta’ din il-belt hu tahsira tal-kelma Bur-Mula li tghaqqad flimkien il-kelma Bur, li tfisser art ftit jew wisq hawlija u li mhix mahduma, u Mula, li aktarx hu l-kunjom is-sid ta’ din il-medda art.  Ohrajn isostnu li Bormla gejja minn Burr Ramla jew Bu Ramla peress li l-gewwieni tad-dahla kien ramli.

Minn kitbiet antiki jidher car li snin qabel ma nbnew is-swar ta’ l-Isla (1556) ghadd ta’ sajjieda kienu tefghu harsithom fuq il-gewwieni ta’ din id-dahla u bdew jghammru qrib ix-xtut taghha. Aktarx li din id-dahla kennija ntaghzlet ghaliex kienet tefgha ta’ gebla ‘l boghod mill-Kastell ta’ Sant’ Anglu, u f’kaz ta’ xi hbit ghall-gharrieda mill-furbani li f’dawk iz-zminijiet kienu komuni hafna, huma setghu facilment isibu kenn wara s-swar zonqrija ta’ dan il-Kastell fil-ponta tal-Birgu.

Aktarx ukoll, li fl-istess zmien, ghadd ta’ bdiewa Zabbarin bdew jahdmu r-raba’ fl-inhawi ta’ Santa Margerita u bnew l-irziezet taghhom fil-qrib. Jekk kienx jezisti xi bini storiku  f’dawn l-inhawi qabel il-wasla tal-kavallieri f’Malta ma nafux, izda li dawn in-nahat kienu abitati hafna snin qabel ma’ nbena l-Palazz ta’ l-Isqof Gargallo (1612) u l-ewwel sit tal-Knisja ta’ Santa Margerita (1618) li sfortunatament kellha titwaqqa’ minhabba l-bini tas-swar u regghet inbniet mill-gdid fl-1646, tikkonfermah l-antikita’ tad-dar li fil-prezent qed tintuza bhala muzew  Bir Mula Heritage. Dan l-ahhar gie konfermat li l-kantina ta’ din id-dar kienet taghmel parti minn razzett mirdum u matul l-iskavi li saru fiha nstabu fdalijiet u graffiti li jmuru lura sa zmien Puniku u Ruman.

Qabel u wara l-Assedju

Meta l-Birgu gie msahhah bis-swar u nbena l-Forti San Mikiel (1553) biex jiddefendi Port ix-Xwieni u Dahlet il-Francizi mill-furbani, in-nies ghamlet kuragg u nizlet lejn dawn in-nahat ghax irragunat, li l-prezenza tal-kavallieri kienet bizzejjed biex tbezza’ lill-furbani milli jersqu lejn dawk l-inhawi. Mas-snin  bdew joktru l-familji  u l-bini beda tiela’ madwar il-bajja u kompla maz-zewg nahat tal-wied li kien jinzel min-nahat tal-Fgura u jizbokka fil-bajja ramlija.

Sa l-1565, il-popolazzjoni ta’ Bormla kienet ta’ madwar 1, 200 abitant. Ghalkemm din il-belt ftit li xejn tissemma’ fl-Assedju l-Kbir, b’danakollu kumpanija ta’ madwar 300 suldat Bormliz taht il-kmand tal-kavallier Spanjol Martin de Sese’ ddefendiet is-swar ta’ l-Isla, sewwasew il-parti ta’ wara l-Knisja tal-Vitorja. L-istorici jghidulna, li qabel l-assedju,  il-bini kollu li kien tela’ ‘l barra mis-swar ta’ l-Isla fl-inhawi maghrufa bhala ta’ Mahtet it-Tin kien twaqqa’ kollu fuq l-ordni tal-Gran Mastru La Vallette (1557-1568) minhabba l-biza’ li t-Torok setghu jinhbew fih matul l-Assedju.. Fil-fatt, matul l-Assedju l-Kbir, it-Torok kienu okkupaw l-inhawi kollha mill-Kalkara sa Kordin, u fuq l-oghla postijiet, fosthom dik ta’ San Gwann t’Ghawxa kienu bnew batteriji kbar biex jattakkaw is-swar ta’ l-Isla li fil-fehma ta’ l-inginiera taghhom kienu aktar dghajfa minn dawk tal-Birgu.

Wara l-Assedju, Bormla kompliet tespandi f’bini ta’ djar mill-isbah. Ghall-habta ta’ l-1580 inbniet l-ewwel knisja parrokkjali ddedikata lill-Santa Marija tas-Sokkors li kienet tigi ccelebrata fit-8 ta’ Dicembru u komplew  jinbnew l-inhawi maghrufa bhala ta’ Santa Liena u ta’ San Pawl li kienu jastendu ghal Dahlet il-Francizi. Fl-1625 inbena l-Kunvent u l-Knisja ta’ Santa Tereza (1632) u l-bini kompla jinfirex madwarha. Sa hamsin sena wara, din il-firxa art li qabel l-assedju kienet subborg kibret tant li bdiet titqies bhala belt.

Mal-qalba tas-seklu sbatax, l-ispjuni ta’ l-Ordni fit-Turkija kienu gharrfu lill-Gran mastru Lascaris (1636-1657) li t-Torok kienu qeghdin ihejju flotta biex jahbtu mill-gdid ghall-Malta. L-Ordni tablet lill-papa biex jibghat Malta wiehed mill-inginiera militari tieghu, izda xi kavallieri ma qablux mal-proposti li ghamel  Pietro Paola Floriani (1585 -1638) fir-rapport tieghu.

Fis-sena 1638 wasal Malta l-inginier militari Vincenzo Maculano da Firenzuola li kien patri Dumnikan, u li bejn l-1627 u l-1629  kien l-inkwizitur ta’ Genova. Fir-rapport tieghu dwar id-difiza tal-Port il-Kbir, Firenzoula enfasizza, li l-Gholja ta’ Santa Margerita kienet l-aktar post dghajjef ghad-difiza tal-Port ,u jekk din l-gholja strategika kienet taqa’ f’idejn l-ghadu, dan seta’ facilment jikkontrolla liz-zewgt ibliet ta’ l-Isla u l-Birgu. Fuq parir tal-Kunsill ta’ l-Ordni, il-Gran Mastru kkummissjona lil Firenzoula biex jippjanta linja ta’ swar li kapaci ssahhah id-difiza ta’ l-ibliet. L-ewwel gebla tas-swar ta’ Santa Margerita tqeghdet fit-30 ta’ Dicembru 1638 u l-bieb ewlieni taghhom huwa dak ta’ Santa Elena.

Fiz-zmien il-Granmastru Nikola Cottoner (1663-1680) l-hbit fuq Malta mit-Torok kien wiehed iminenti. Fuq parir tal-Kunsill ta’ l-Ordni, fl-1669 il-Gran Mastru stieden lill-Konti Antonio Maurizio Valperga, il-kap inginier militari tad-Duka ta’ Savoja biex ihejji rapport dwar id-difiza tal-Port il-Kbir. Fir-rapport tieghu ta’ l-1670, Valperga ssuggerixxa li linji ta’ swar godda li jokkupaw l-gholjiet ta’ madwaru  ssahhu d-difiza tat-tlett ibliet u tal-Port il-Kbir  u joffru wkoll difiza adekwata f’kaz ta’ assedju fit-tul. Il-Kunsill ta’ l-Ordni accetta l-istudju ta’ Valperga u kkummissjonawh biex jaghmel pjanta tas-swar godda. L-ewwel gebla tas-swar tal-Kottonera tqeghdet fit-28 ta’ Awwissu 1670.

Fl-1720 il-popolazzjoni ta’ Bormla kienet tlahhaq madwar 3,000 ruh, u dan in-numru seta’ kien ferm akbar li kieku din il-belt ma ntlaqtitx bil-fragell tal-pesta fl-1592, fl-1655 u fl-1675/6. Fl-1720 il-Gran Mastru Marc Antonio Zondadari  gholla lill-Bormla ghall-gieh ta’ Belt u semmiha  ‘Citta Cospicua’.

Fi zmien il-Francizi u l-Inglizi

Bormla tat sehemha wkoll fiz-zmien il-hakma tal-Franciza. Il-poplu Bormliz mill-bidunett kien kontra li l-kavallieri jcedu artna lill-Francizi. Meta fl-1798 il-Maltin irvellaw kontra taghhom, il-Bormlizi nghaqdu maz-Zabbarin u z-Zwieten u qamu kontra s-suldati Francizi u qatlu xi whud minnhom. Il-Francizi bezghanin mill-qilla tal-Maltin irtiraw ghal xi jiem wara swar ta’ l-Isla u l-Birgu, izda wara hargu t-truppi taghhom, arrestaw xi nies u mbarraw xi bibien tas-swar tal-Kottonera, fosthom dawk ta’ San Alwigi, San Gakbu u San Nikola bhala prekawzjoni ghal xi ghajnuna li setghet tidhol minn barra s-swar. Sakemm il-Maltin, bl-ghajnuna tat-truppi Inglizi helsu mill-Francizi sehhew bosta incidenti ta’ glied qalil u nwiet bejn il-Bormlizi u s-suldati l-Francizi. Hasra li l-Bieb ta’ San &akbu baqa’ mbarrat tul  dawn l-ahhar 200 sena.

Matul il-hakma Ingliza f’Malta, l-istorja ta’ din il-belt kienet differenti hafna. In-nies tal-Port, b’mod specjali dawk Bormlizi batew u gawdew tahthom. Gawdew bix-xoghol li ggenerat it-tarzna - bil-kummerc u n-negozju kien fl-aqwa tieghu u l-haddiem tarzni kien qed jaqla’ l-flus. Batew, ghaliex bl-izvilupp tat-Tarzna Bormla ttehditilha l-art u twaqqaf l-izvilupp, b’mod specjali bil-bini tal-bacir Numru Wiehed fejn din il-belt tilfet l-isbah zona taghha  u x-xtut sbieh li kellha qabel ma nbena l-bacir.

Matul is-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija l-poplu Bormliz gie tturufnat minn beltu li safa vittma tal-herba totali kkawzata bil-bombi qerrieda ta’ l-ghadu Nazista. Fit-tentattiv taghhom biex jaharbu mill-bombi qerrieda, in-niket u l-imwiet li gabet maghha l-gwerra, bosta familji hargu minn belthom u b’diqa kbira fuqhom fittxew kenn f’bosta irhula ‘l boghod mill-Port il-Kbir, l-aktar f’Birkirkara, Haz-Zebbug, Rabat u  f’Wied il-Ghajn. Sfortunatament, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, f’Bormla  jgarraf bosta bini storiku u b’hekk intilef hafna mill-patrimonju li kien izejjen l-istorja sabiha taghha.

Riferenzi:
Alfie Guillaumier: Bliet u Rhula Maltin, Ed.1972.  p.55 
Joseph F. Grima: Zmien il-Kavallieri f’Malta 1530 - 1798: pp.136,137.
Pietru Pawl Castagna: L-Istorja ta’ Malta bil-Gzejjer Taghha, 1888,  p.102
Vincent Zammit:  Is-Swar u l-Fortifikazzjonijiet; 90,91,92, 93.
Charles Galea Scannura: Taghrif Storiku Dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla; pp.4, 5, 23, 31.
Joseph Serracino: Il-Belt ta’ Bormla; Orizzont , 6 ta’ Awissu ,1997, p.12.
Joseph Serracino: Il-Belt tal-Madonna; Bormla - Fuljett Parrokkjali, 1976 u 1977. 
Vincent Zammit: Is-Swar tal-Kottonera: Mument, 29 ta’ Awissu ,1999, p.3


 

 

 
1
© Kottoner 98FM, 2011. All rights reserved.
1